Top Up Pay Bill

Termini u Kundizzjonijiet Standard għal Ftehim tat-Tip Month-on-Month

  1. SKOP
    1. Is-segwenti huma t-termini u kundizzjonijiet li għandhom jirregolaw ir-relazzjoni li qed tidħol fiha u li qed tiġi stabbilita minnek u Melita Limited fir-rigward tas-servizzi tat-Televiżjoni, Internet u / jew Telefonija fissa/mobbli provduti lilek.
    2. Dan il-Ftehim, flimkien mal-annessi kollha inklużi l-Kundizzjonijiet tas-Servizz applikabbli, għandhom jinqraw flimkien ma’ kwalunkwe termini u kundizzjonijiet oħra applikabbli għat-tariffa partikolari, promozzjoni jew offerta. Dawn it-Termini u Kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal kwalunkwe tariffa, offerta jew promozzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tagħna www.melita.com
    3. Hekk kif il-Klijent jiffirma, dan il-Ftehim flimkien mal- Iskeda tal-Ispejjeż u kwalunkwe Kundizzjonijiet tas-Servizz applikabbli, termini u kundizzjonijiet applikabbli għal tariffa partikolari, promozzjoni jew offerta, flimkien ikollhom is-saħħa tal-liġi bejn il-partijiet.
  2. TIFSIRIET
    1. Għall-iskop ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet:
      1. “Bundle” ifisser l-għaqda ta’ tnejn jew aktar mis-Servizzi ta' Melita taħt prezz wieħed;
      2. “Fond ta’ Installazzjoni” ifisser l-indirizz mogħti mill-Klijent, kif jidher fuq il-Ftehim, fejn is-Servizzi mitluba għandhom jiġu provduti.
      3. “Ftehim” ifisser dawn it-termini u kundizzjonijiet standard, flimkien mal-annessi kollha tiegħu, inkluża l-Iskeda ta’ Spejjeż, Il-Politika Dwar Użu Aċċettabbli, Il-Politika dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/2120, u kwalunkwe termini u kundizzjonijiet oħra applikabbli għal tariffa partikolari, promozzjoni jew offerta u kwalunkwe dokument ieħor imsemmi jew inkorporat magħhom u kwalunkwe termini u kundizzjonijiet addizzjonali jew emendati li aħna nistgħu ninnotifikawlek;
      4. “Klijent” u “int” ifissru l-persuna, li għandha tkun il-firmatarja fuq dan il-Ftehim u tinkludi kull persuna li aħna raġonevolment nemmnu li qed taġixxi f’ismek, u “tiegħek” għandha tiġi interpretata skont din it-tifsira;
      5. “Kont” ifisser il-kont tal-Klijent għas-Servizz;
      6. “Melita” u “aħna” ifissru Melita Limited (C12715) u “tagħna” u “aħna” għandhom jiġu interpretati skont din it-tifsira.
      7. “Netwerk” tfisser is-sistema li tikkonsisti minn netwerks tal-fibra, netwerk HFC (fibra ibrida/coax) u/ jew in-netwerk 3G, u/jew in-netwerk tal-WiFi proprjetà ta’ u operata minn Melita sabiex tipprovdi Servizzi lill-Klijenti tagħha.
      8. “Skeda ta’ Spejjeż” tfisser il-lista ta’ spejjeż relatati mas-Servizz (esklużi l-ispejjeż relatati mal-użu) li tinsab fi klawżola 14 ta’ dan il-Ftehim, li Klijent jista’ jkollu jħallas minn żmien għal żmien. Dawn l-ammonti kollha kif indikati jinkludu t-taxxa tal-VAT iżda ma jinkludux id-dazju tas-sisa u xi taxxi oħra li jistgħu jiġu imposti.
      9. “Servizz/i” ifisser is-servizzi disponibbli għall-pubbliku ta’ Melita tat-telefonija fissa, it-televiżjoni, id-data (Internet) u servizzi tat-telefonija mobbli, li jiġu pprovduti skont dan il-Ftehim. Sakemm il-kuntest ma jissuġġerixxix mod ieħor, il-kelma “Servizz” jew “Servizzi” kif użati f’dan il-ftehim għandhom japplikaw għal kull wieħed jew aktar mis-Servizzi ta’ Melita.
      10. “Tagħmir” ifisser kull tagħmir, Conditional Access Module, apparat, handset, set-top box, remote, linji, cable, modem, hardware jew software u cable drop li Melita tipprovdi jew tikri lill-Klijent għall-użu ta’ jew għal aċċess għas-Servizz.
      11. “Tagħmir tal-Klijent” ifisser kull tagħmir inkluż tagħmir li jinsab fil-fond tal-klijent (CPE), Conditional Access Module, apparat, handset, tagħmir ta’ terzi persuni, batteriji jew ċerti aċċessorji li jistgħu jinxtaraw minnek, kemm mingħand Melita, mingħand fornitur rakkomandat minn Melita jew mingħand fornitur alternattiv.
      12. “Tariffa” liema tifsira hi skont Klawsola 15 ta’dan il-Ftehim
      13. “Territorju” ifisser ir-Repubblika ta’ Malta.
  3. SERVIZZI
    1. Melita tirriżerva d-dritt li taċċetta jew tirrifjuta li tipprovdi xi Servizz/i lil xi Klijent. Melita tista’ tirrifjuta li tipprovdi Servizz lil kull persuna (i) li jkollha inqas minn tmintax (18) il-sena; (ii) li tirrifjuta li tipprovdi kopja tal-Karta tal-Identità tagħha; (iii) li ma tkunx il-Klijent jew li ma tkunx awtorizzata mill-Klijent biex tiffirma dan il-Ftehim; (iv) li wara li l-verifika tal-validità ta’ kreditu u tal-istatus tagħha ma tikkwalifikax għal Servizz taħt il-politika kurrenti ta’ kreditu ta’ Melita; (v) li għandha storja ta’ problemi ta’ ħlas ta’ xi spejjeż jew tariffi għal kwalunkwe servizz provdut minn Melita; (vi) li għandha Fond ta’ Installazzjoni li jaqa’ barra miż-żona tas-servizzi tagħna; (vii) li ma tgħix u ma għandhiex indirizz postali li qiegħed fiż-żona ta’ kopertura tan-Netwerk tagħna stess; (viii) li mhix is-sid tal-Fond ta’ Installazzjoni jew jekk mhix is-sid kienet il-kerrej tal-Fond ta’ Installazzjoni għal anqas minn sitt xhur jew; (ix) li kisret xi dispożizzjoni minn dan il-Ftehim, inklużi l-annessi tiegħu, u/jew kwalunkwe termini u kundizzjonijiet applikabbli għal tariffa partikolari, promozzjoni jew offerta; (x) li m’għandhiex Tagħmir tal-Klijent li jaqbel mal-provvista tas-Servizz mitlub; (xi) li għandha storja ta’ distruzzjoni jew tbagħbis tat-Tagħmir jew kisret xi dispożizzjoni ta’ xi ftehim li jirrigwarda xi servizz tal-Melita; (xii) jekk mhux prattiku li ssir il-konnessjoni minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà; (xiii) li m’għandhiex netwerk elettriku xieraq kif speċifikat fil-Klawsola 5.4 ta’ dan il-Ftehim.
    2. Jista’ jkun meħtieġ depożitu sabiex is-Servizz tiegħek jiġi attivat u dan id-depożitu jitħallas lura lilek mat-tmiem tas-Servizz, jekk ikun jifdal xi bilanċ x’jitħallas. Dan id-depożitu ma jeżentakx mill-obbligu li tħallas xi ammonti jew l-ammonti pendenti kollha u/ jew spejjeż mat-terminazzjoni tal-Ftehim.
    3. Aħna nipprovdulek is-Servizzi fi żmien jumejn ta’ xogħol mid-data li fiha jiġi ffirmat il-Ftehim għall-perjodu stipulat fi Klawsola 10 hawn taħt; jew sad-data ta’ użu tal-valur kollu mixtri, jekk ikun il-każ; jew sal-valur tal-limitu ta’ kreditu approvat; jew sakemm il-kuntratt jiġi tterminat skont il-kundizzjonijiet imsemmija fih. Salv dawk il-każijiet li Melita m’għandhiex kontroll fuqhom, il-Klijent jista’, skont il-Klawsola 10.3, jittermina l-Ftehim tiegħu mingħajr spejjeż addizzjonali jekk is-Servizz ma jiġix ipprovdut fiż-żmien ta’ jumejn ta’ xogħol mid-data tal-firma u/jew jekk is-Servizz ma jaqbilx mad-deskrizzjoni li tingħata f’dan il-Ftehim.
    4. Fejn servizz ikun jeħtieġ installazzjoni, Melita tirriżerva d-dritt li tivverifika jekk is-Servizz jistax jiġi installat jew konness. Fejn installazzjoni li mhix standard tkun meħtieġa, Melita tirriżerva d-dritt li jew tikkanċella l-ordni tal-Klijent jew li tipprovdi installazzjoni apposta bi spejjeż addizzjonali. Il-perjodu standard ta’ jumejn ta’ xogħol għall-konnessjoni inizjali ma japplikax għal installazzjoni li mhix standard. Melita tirriżerva d-dritt li tgħaddi kwalunkwe spiża jew miżata addizzjonali imposti minn terzi persuni (eż. gwardjani tat-traffiku) relatati mal-installazzjoni jew konnessjoni partikolari. Is-Servizzi jistgħu jeħtieġu ċertu apparat u kompatibbiltà/limitazzjonijiet inklużi memorja, ħażna, disponibbiltà tan-netwerk, kopertura, aċċessibilità u limitazzjonijiet tal-konverżjoni tad-data.
  4. RESPONSABBILITAJIET, DRITTIJIET U RIMEDJI TAGĦNA
    1. Aħna ser nagħmlu ħilitna sabiex nipprovdu Servizz/i affidabbli u effettiv/i. Madanakollu ma ninstabux f’qagħda li niggarantixxu li s-Servizzi u/jew it-Tagħmir tagħna se jkunu ininterrotti u/jew mingħajr difetti u aħna ma niggarantixxux id-disponibbilità tan-Netwerk tagħna l-ħin kollu. Melita m’għandhiex tinżamm responsabbli għal kwalunkwe interruzzjoni li taqa’ barra mill-kontroll tagħha. Madanakollu, jekk il-Klijent jibqa’ kompletament mingħajr servizz minħabba ħsara fin-Netwerk u/jew git-Tagħmir, Melita għandha ssewwi l-imsemmija ħsara sal-jum tax-xogħol li jmiss. Diment illi fil-każ ta’ ħsara għat-Tagħmir fil-fond tal-klijent jew għat-Tagħmir tal-Klijent, wieħed jista’ jżur iċ-Ċentru tas-Servizz tal-Melita sabiex jibdel it-Tagħmir tal-fond tal-klijent. Jekk Melita ma jirnexxilhiex issewwi l-ħsara sal-jum tax-xogħol li jmiss u l-ħsara tippersisti jew il-klijent ikompli jesperjenza servizz bi kwalità mnaqqsa minn dik imwiegħda:
      • għal aktar minn jum wieħed (1) ta’ xogħol u anqas minn tlett (3) ijiem ta’ xogħol, skont is-servizz fiss tiegħek, Melita tipprovdik b’aġġornament tas-servizz tat-televiżjoni tiegħek għal ħmistax (15)-il ġurnata jew 2GB ta’ data jingħatawlek fuq il-kont tal-Melita mowbajl tiegħek;
      • għal iktar minn tlett (3) ijiem ta’ xogħol u inqas minn ħamest (5) ijiem ta’ xogħol, Melita għandha tipprovdilek kumpens pro rata ekwivalenti għal ħmistax-il ġurnata ta’ servizz ikkreditati fil-kont tiegħek;
      • għal iktar minn ħamest (5) ijiem ta’ xogħol Melita għandha tipprovdi kumpens ekwivalenti għal xahar (1) ta’ servizz ikkreditat fil-kont tiegħek.
      Dawn il-kumpensi jeskludu nuqqas ta’ servizz li huwa dovut għal (a) kawżi ta’ forza maġġuri, (b) ħsara minħabba Tagħmir tal-Klijent (ċ) ħsara li tirriżulta minn kwalunkwe ċirkostanza li hija tort tal-Klijent u/jew (d) meta l-aċċess għall-fond mhuwiex possibbli għal kwalunkwe raġuni.
    2. Melita tagħmel ħilitha biex issolvi kull ilment li jista’ jkollok dwar is-Servizzi mill-aktar fis possibbli. Klijenti li mhumiex sodisfatti bis-servizz tal-Melita u jixtiequ jeskalaw il-kwistjoni, jistgħu jikkuntattjaw lil Melita permezz ta’ email fuq complaints@melitaltd.com jew bil-posta, billi jibagħtu ittra indirizzata lid-Dipartiment tal-Ilmenti, Melita Limited, Gasan Centre, Triq il- Merghat, Zone 1, Central Business District, Birkirkara, CBD1020 skont il-Proċedura tal-Immaniġġjar tal-Ilmenti tal-Melita. Jekk il-klijent iħossu mhux sodisfatt bir-risposta jew ir-riżoluzzjoni tal-ilment, jista’ jressaq ilment mal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni. Alternattivament, Klijent jista' jressaq ilment permezz tal-Pjattaforma ta' Soluzzjoni ta' Tilwim Online. Il-proċedura tal-ilmenti li tapplika Melita hija disponibbli fuq is-sit https://www.melita.com/complaints-handling-procedure/. Fil-każ ta’ ħsarat mhux attribwibbli għal Melita, jew fil-każ li ma jkun hemm ħadd fil-fond fil-ħin skedat għal żjara fid-dar mit-tekniku tagħna, inti ser tkun soġġett għal Home Visit Charge u/jew 1st AM and Last PM Appointment Charge, fejn applikabbli, kif stipulat fl-Iskeda tal-Ispejjeż. Mingħajr preġudizzju għal dak li ntqal aktar ‘il fuq, Melita tirriżerva d-dritt li tintroduċi prodott b’tariffa addizzjonali liema tariffa tkun tkopri l-ispejjeż tal-manutenzjoni korrettiva u s-servizzi l-oħra skont it-termini u kundizzjonijiet applikabbli.
    3. Aħna nirriżervaw id-dritt li (a) innaqsu, nissospendu, nitterminaw is-Servizzi jew li napplikaw restrizzjonijiet fuq ċerti tipi ta’ traffiku mingħajr avviż, minħabba ħsara fin-Netwerk u/jew ħtieġa ta’ manutenzjoni jew għal kwalunkwe raġuni speċifikata fil-Klawsola 10 ta’ dan il-Ftehim, jew jekk il-Klijent jabbuża mis-Servizz jew jikser il-Ftehim tiegħu/tagħha; (b) nagħmlu tibdiliet fit-termini u kundizzjonijiet ta’ Ftehim fi kwalunkwe ħin, wara li nagħtu notifika lill-Klijent ta’ mill-inqas tletin (30) jum bil-quddiem qabel il-bidla/bidliet proposta/i. In-notifika għandha ssir bil-posta elettronika jew bil-posta fl-aħħar indirizz ipprovdut mill-Klijent jew billi titpoġġa l-informazzjoni fuq il-websajt tagħna. Inti għandek id-dritt li tittermina l-Ftehim matul l-imsemmi perjodu ta’ notifika mingħajr spejjeż addizzjonali. L-użu kontinwu tiegħek tas-Servizzi tagħna wara dan il-perjodu ta’ notifika jiġi kkunsidrat bħala aċċettazzjoni minnek tal-bidliet fis-Servizz; (ċ) intejbu, nimmodifikaw, jew nibdlu s-Servizzi jew xi karatteristiċi tagħhom minħabba raġunijiet tekniċi, operazzjonali jew kummerċjali; (d) inneħħu kwalunkwe materjal li jmur kontra l-politika tagħna jew il-liġi applikabbli; (e) inżżomuk responsabbli għad-danni li jistgħu jirriżultaw mill-ksur ta’ kull politika tagħna jew vjolazzjoni ta’ xi dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim; (f) nimblokkaw l-aċċess għas-Servizz/i jekk ikun meħtieġ minn xi liġi applikabbli jew permezz ta’ ordni legali maħruġ minn kull qorti, tribunal jew awtorità kompetenti; (g) fuq talba legali mill-awtoritajiet rilevanti, nagħtu disponibbiltà ta’ informazzjoni li tista’ tintuża għal investigazzjonijiet kriminali jew tal-pulizija jew oħrajn governattivi; (h) nieħdu kwalunkwe azzjoni oħra mogħtija skont il-liġi biex inħarsu d-drittijiet legali tagħna li joħorġu minn dan il-Ftehim.
  5. ID-DRITTIJIET U R-RESPONSABBILITAJIET TIEGĦEK
    1. Inti għandek tipprovdilna minnufih u b’mod preċiż l-informazzjoni kollha li nistgħu neħtieġu sabiex inkunu nistgħu nwettqu l-obbligi tagħna taħt dan il-Ftehim. Int obbligat li tinnotifikalna immedjatament b'xi tibdil fid-dettalji personali tiegħek li kienu mogħtija lilna.
    2. Inti taqbel li ssegwi l-istruzzjonijiet kollha mogħtija minna dwar l-użu tat-Tagħmir u s-Servizzi skont dan il-Ftehim u taqbel li tuża t-Tagħmir u s-Servizzi għal għanijiet leġittimi biss.
    3. Bħala detentur tal-Kont reġistrat, inti responsabbli għall-Kont tiegħek mal-Melita, inti taqbel li żżomm kull password u/jew kodiċi PIN/PUK skont il-każ li jkun sikuri, billi qatt ma tagħmilhom pubbliċi u ma tpoġġihom qatt fuq kompjuter jew bħala test sempliċi xi mkien ieħor. Jekk il-password/PIN/PUK, jekk ikun hemm, isiru magħrufa minn xi persuna mhux awtorizzata inti taqbel li tinforma immedjatament lill-Melita.
    4. Il-Klijenti huma responsabbli li jiżguraw li n-netwerks elettroniċi u tat-telekomunikazzjoni fil-Fond ta’ Installazzjoni huma mibnija u miżmuma skond l-istandards legali applikabbli madwar id-dinja/ fl-UE/ lokalment. Barra minn hekk, il-Klijent għandu jinżamm responsabbli fil-każ fejn ksur ta’ dan ir-rekwiżit iwassal għal sitwazzjoni fejn impjegat tal-Melita jew kuntrattur estern iweġġa’ jew isofri xi danni jew ikun hemm xi danni fuq il-proprjetà tal-Melita.
  6. SPEJJEŻ U TARIFFI
    1. Il-Klijent huwa responsabbli għall-ispejjeż/tariffi kollha applikabbli għall-Installazzjoni u kwalunkwe spejjeż oħra applikabbli kif stipulat fl-Iskeda ta’ Spejjeż u fit-Tariffa.
    2. Jekk inti tibdel l-indirizz tiegħek, sew jekk b’mod temporanju jew permanenti, u inti tixtieq titrasferixxi s-Servizzi għall-indirizz il-ġdid, inti tkun marbut tħallas tariffa għat-Trasferiment tas-Servizz, liema ammont huwa stipulat fl-Iskeda ta’ Spejjeż.
    3. Il-Klijent għandu jkun responsabbli sabiex iħallas kwalunkwe tariffi mensili rikorrenti għall-użu tas-Servizz/i pprovdut/i, kif stabbilit minn Melita u liema tariffi huma soġġetti għal bdil legali skont il-proċedura speċifikata fi klawsola 4.3 (b) aktar ‘il fuq.
    4. F’każ li inti tagħżel li tagħmel upgrade matul il-perjodu li fih dan il-Ftehim ikun fis-seħħ, inti tkun marbut tħallas id-differenza fl-ispejjeż għall-użu tas-Servizz kif applikabbli. Fil-każ li inti tiddeċiedi li tagħmel downgrade tas-Servizz u jkollok bżonn bidla fit-Tagħmir, jista’ jkun li tapplika t-Tariffa tat-Tibdil tat-Tagħmir.
    5. Il-Klijent li jagħżel li jżid is-Servizz u/jew japplika ghal Add-On jintrabat għal perjodu minimu ta’ xahar. Kull oġġezzjoni jew ilment kontra ordni bit-telefon għandha ssir bil-miktub fi żmien sebat (7) ijiem mid-data meta l-Klijent jirċievi l-kont.
    6. L-ispejjeż kollha mensili tas-Servizz għandhom jintbagħtu lill-Klijent b’mezz ta’ kont elettroniku flimkien ma’ kwalunkwe ħlasijiet oħra applikati waqt l-użu tat-tali Servizz/i, inklużi ammonti dovuti għall-użu tas-servizz tat-telefonija fissa u/jew is-servizz tat-telefonija mobbli tagħna, u spejjeż oħra li mhumiex rikorrenti bħal spejjeż ta’ kiri ta’ hardware, konnessjoni u/jew tariffi ta’ rilokazzjoni, u tariffi ta’ darba. Dawn l-ispejjeż u tariffi tas-Servizz isiru applikabbli fid-data meta s-Servizz/i jiġi/u installat/i u l-pagamenti jsiru dovuti fid-data stipulata fuq il-kont. L-ispejjeż u tariffi tas-Servizzi kif indikati jinkludu t-taxxa tal-VAT iżda ma jinkludux id-dazju tas-sisa u xi taxxi oħra li jistgħu jiġu imposti, sakemm ma jiġix speċifikat altrimenti fit-termini u kundizzjonijiet speċifiċi jew fl-offerti.
    7. Kwalunkwe pagament li ma jiġix ikklerjat mill-bank tiegħek għandu jiġi soġġett għal Pagament u/jew Ħlas Amministrattiv ta’ Treġġiegħ Lura, kif applikabbli u kif stipulat fl-Iskeda tal-Ispejjeż.
    8. Notifika tal-kont elettroniku tiegħek tintbagħat b’email fuq l-indirizz elettroniku provdut minnek. Hekk kif l-email tintbagħat, aħna nassumu li inti rċevejt il-kont. Il-Klijent jassumi r-responsabbilità li jiżgura li l-indirizz elettroniku provdut minnu lill-Melita huwa attiv.
    9. Jekk inti titlob sabiex tirċievi l-kont tiegħek bil-posta, inti obbligat tħallas Monthly Paper Bill Charge kif stipulat fl-Iskeda ta’ Spejjeż. Jekk inti tirċievi l-kont tiegħek bil-posta,dan jintbagħat fl-aħħar indirizz magħruf tiegħek u aħna nassumu li inti tkun irċevejt il-kont mibgħut lilek bil-posta l-għada, jekk il-ġurnata ta’ wara tkun waħda tax-xogħol. Minkejja dan, Klijenti li m’għandhomx internet jew konnessjoni mal-internet permezz tat-telefonija mobbli jistgħu jżuru wieħed mill-ħwienet tal-Melita, jiffirmaw dikjarazzjoni għal dan ir-rigward u jirċievu l-kontijiet bil-posta bla ħlas.
    10. Inti obbligat tħallas l-ammonti kollha elenkati fuq il-kont irrispettivament min għamel użu mis-Servizz/i. Kwalunkwe ammont li ma jitħallasx sad-data indikata fuq il-kont ikun suġġett għal: (i) imgħax bir-rata massima permessa mil-liġi f’dak il-mument, sad-data meta dawn l-ammonti dovuti jitħallsu minnek; (ii) Tariffa għal Pagament Tardiv kif stipulata fl-Iskeda tal-Ispejjeż. Aħna nirriżervaw id-dritt illi nissospendu s-Servizz/i tiegħek fl-eventwalità ta’ kwalunkwe arretrati li ma jitħallsux fi żmien xahrejn mid-data indikata fuq il-kont u niċċarġjaw Disconnection Charge, hekk kif stipulat fl-Iskeda tal-Ispejjeż. Is-Servizz/i jkunu soġġetti għal qtugħ/terminazzjoni wara tletin (30) jum ta’ sospensjoni, flimkien ma’ kwalunkwe spejjeż u tariffi kif deskritt fi Klawsola 6.11.
    11. Spejjeż u tariffi għall-użu tas-Servizz/i jkunu legalment dovuti u għandhom jinġabru sad-data meta s-Servizz/i jiġi/u skonness/i u/jew itterminat/i. Jekk aħna nagħmlu skonnessjoni tas-Servizz/i tiegħek għaliex inti tonqos milli tħallas l-ispejjeż u t-tariffi li jkunu dovuti fuq il-Kont tiegħek, aħna jkollna dritt nirkupraw mingħandek l-ispejjeż kollha għall-ġbir, l-interessi li ma jeċċedux ir-rata massima permessa mil-liġi, spejjeż legali u tariffi għall-ħlas magħmul tard (Tariffa għal Pagament Tardiv), kif ukoll kwalunkwe spejjeż tal-qtugħ tal-konnessjoni (Disconnection Charges) applikabbli fiż-żmien skont l-Iskeda tal-Ispejjeż. Aħna jkollna wkoll id-dritt li nitolbuk ħlas għal xi użu magħmul minnek mingħajr il-permess tagħna tas-Servizzi tagħna. Kull vjolazzjoni ta’ xi dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim magħmula permezz ta’ frodi jew attività illegali tiġi rrappurtata lill-pulizija li jistgħu jieħdu azzjoni legali fil-konfront tiegħek. Fil-każ fejn il-Klijent jonqos milli jwettaq xi obbligu ta’ pagament ma’ Melita, Melita tirriżerva d-dritt li tgħaddi kull informazzjoni jew referenzi inklużi fil-preżenti lill-aġenzija ta’ kreditu rilevanti/ aġenzija inklużi Creditinfo Malta Ltd u MACM, għall-ġbir tad-djun kif ukoll lil kull terza persuna legalment intitolata li tirċievi din l-informazzjoni.
    12. Aħna nirriżervaw id-dritt li nibgħatulek kont retrospettiv għal kwalunkwe Servizz provdut, inkluż wara t-terminazzjoni tas-Servizz. Inti obbligat tħallas spejjeż jew tariffi għas-Servizzi, minkejja li dawn ikunu erronjament tħallew barra mill-kontijiet preċedenti tiegħek. Il-fatt li inti ma tirċevix kontijiet, ma jfissirx li inti ma tkunx obbligat tħallas kull ammont dovut fuq il-Kont tiegħek, u f’eventwalità bħal din, inti għandek tivverifika ma’ wieħed mill-aġenti awtorizzati tagħna jew iċċempel lill-customer care ta’ Melita jew iżżur wieħed mill-ħwienet tagħna.
    13. Aħna nirriżervaw id-dritt li nivverifikaw il-kreditu tiegħek f’kull ħin. Aħna nagħmlu dan billi nagħmlu tfittxijiet fuqek ma’ aġenziji ta’ kreditu rilevanti li jipprovdu informazzjoni dwar kreditu, informazzjoni miġbura mir-Reġistru Elettorali, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni pubblika. Aħna nistgħu nużaw il-metodi tal-klassifika ta’ kreditu sabiex neżaminaw l-applikazzjoni u nikonfermaw l-identità tiegħek. Aħna nistgħu nużaw l-informazzjoni miksuba mit-tfittxijiet ta’ kreditu u minn sorsi legali oħrajn sabiex nieħdu kull deċiżjoni ta’ kreditu li jaffettwaw dan il-Ftehim. Jekk f’xi ħin inti tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kreditu tagħna, aħna nistgħu ninfurzaw kwalunkwe limiti ta’ kreditu fuq il-Kont tiegħek, nistaqsu għal depożitu, innaqqsu l-livell ta’ Servizzi li nipprovdulek, nippermettu biss ċerti metodi ta’ ħlas u/jew nissospendu xi wħud jew is-Servizzi kollha f‘kull ħin meta inti tilħaq il-limiti stabbiliti sakemm aħna ma nkunux irċevejna l-ħlas kollu tal-ammonti dovuti lilna taħt dan il-Ftehim.
  7. TAGĦMIR
    1. Aħna f’kull ħin nibqgħu s-sidien tat-Tagħmir minkejja li inti tkun ħallast depożitu fir-rigward ta’ xi Tagħmir, kemm jekk fiss fil-Fond ta’ Installazzjoni tiegħek jew le. Barra minn hekk, aħna nistgħu nżidu jew nibdlu t-Tagħmir fuq diskrezzjoni unika tagħna. Kull Tagħmir provdut mill-Melita jista’ jintuża sabiex itejjeb is-Servizz u/jew in-Netwerk tal-Melita.
    2. Meta t-Tagħmir ġie mikri lilek, inti għandek tiżgura li: (i) it-Tagħmir jinstab sikur u li qiegħed jintuża kif suppost il-ħin kollu; (ii) issegwi l-istruzzjonijiet tagħna relatati mal-użu tat-Tagħmir. F’każ ta’ ħsara, għajr għal ħsara li tirriżulta minn tkagħbir bl-użu, inti tiġi mistenni tħallas l-ispejjeż kif stipulat fl-Iskeda tal-Ispejjeż; (iii) ma tbagħbasx, iżżarma, tuża ħażin, tittraskura jew tagħmel ħsara lit-Tagħmir tagħna; (iv) it-Tagħmir ma jintilifx jew jinsteraq. Fil-każ li dan jiġri, inti għandek tinżamm responsabbli.
    3. Fil każ ta’ distruzzjoni, serq, tbagħbis jew abbuż tat-Tagħmir inti titlef id-depożitu li tkun ħallast mal-installazzjoni tat-Tagħmir. Barra minn hekk, inti għandek tkun unikament responsabbli għat-tiswija jew sostituzzjoni tat-Tagħmir li jintilef, jiġi mbagħbas, jinsteraq jew issirlu ħsara meta dan ikun taħt il-kontroll tiegħek. Inti taqbel ukoll li tħallas lill-Melita kwalunkwe danni li din tista’ ssofri.
    4. Meta t-Tagħmir jinxtara mill-Melita, il-Klijent mhux kopert f’każ ta’ deterjorament tat-Tagħmir ikkawżat minn użu ta’ kuljum, użu ħażin, negliġenza jew aċċident, difetti jew danni kkawżati minn tixrid ta ikel jew likwidu, korrużjoni u kwalunkwe espożizzjoni għall-umdita’, dan mingħajr preġudizzju għad-drittijiet li joħorġu mill-Artikoli 73 – 81, Parti IX; Bejgħ ta’Oġġetti lill-Konsumatur tal-Att Dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378).
    5. Inti taqbel li tikkonforma mal-istruzzjonijiet kollha ta’ Melita u/jew tal-manifattur fir-rigward tal-użu tat-Tagħmir. Kull użu mhux f’loku jista’ jwassal għat-terminazzjoni tas-Servizz tiegħek.
    6. Inti taqbel li Melita tiġi inkarigata esklussivament bit-tiswija u l-manutenzjoni tat-Tagħmir. Inti taqbel li ma tikrix jew tiddisponi mit-Tagħmir bi kwalunkwe mod.
    7. Kull Tagħmir tal-Klijent li inti tqabbad man-Netwerk għandu jkun konformi mal-liġijiet u r-regolamenti kollha rilevanti. Inti tista’ tuża t-Tagħmir tal-Klijent flimkien mat-Tagħmir tagħna, iżda Melita ma tkunx responsabbli jekk it-Tagħmir tal-Klijent użat ma jkunx bħal dak rakkomandat minn Melita. Malli tirċievi t-Tagħmir tal-Klijent u/jew it-Tagħmir mingħand Melita (jekk applikabbli), ir-riskju u r-responsabbilità versu tali Tagħmir tal-Klijent u/jew Tagħmir jgħaddu għand il-Klijent, dment li Melita għandha tipprovdi lill-Klijent b’garanzija skont il-liġi applikabbli. Hija r-responsabbilità tal-Klijent illi jkopri t-Tagħmir tal-Klijent u kwalunkwe tagħmir ieħor mixtri mill-Klijent u li jkun qiegħed jintuża mat-Tagħmir tagħna b’polza t’assigurazzjoni ta’ reputazzjoni tajba sabiex tkopri kwalunkwe ħsarat għal tali Tagħmir u/jew Tagħmir tal-Klijent.
    8. Il-Klijent għandu jagħmel ħiltu sabiex jiskonnettja kwalunkwe Tagħmir tal-Klijent, Tagħmir u/jew apparat minn mad-dawl f’każ ta’ maltemp u temp ikrah.
  8. AĊĊESS
    1. Inti hawnhekk qiegħed irrevokabbilment tagħti permess lil Melita u kull impjegat tagħha jew il-kuntratturi ta’ parti terza sabiex b’mod sigur jidħlu ġewwa l-Fond ta’ Installazzjoni u jesegwixxu x-xogħlijiet meħtieġa relatati mal-konnessjoni/qtugħ u manutenzjoni ġenerali tat-Tagħmir li jinsab fuq jew fil-Fond ta’ Installazzjoni tiegħek. Dan l-aċċess għandu jsir f’ħinijiet raġjonevoli u fuq preżentazzjoni ta’ karta tal-identità personali. Fl-eventwalità li dan l-aċċess ma jingħatax mingħajr ebda ġustifikazzjoni, dan jista’ jitqies bħala vjolazzjoni tal-Ftehim li jista’ imbagħad iwassal għal terminazzjoni fil-konnessjoni.
    2. Bil-preżenti inti qiegħed tagħti permess irrevokabbli lil Melita biex iżżomm it-Tagħmir installat ġewwa, fuq jew taħt il-Fond ta’ Installazzjoni. Inti ma tistax titrasferixxi jew iċċaqlaq xi Tagħmir mill-pożizzjoni jew mill-post fejn aħna nkunu installajnieh fil-Fond ta’ Installazzjoni mingħajr ebda notifika lilna minn qabel. In-nuqqas da parti tiegħek li tinnotifikana jista’ jiġi kkunsidrat bħala vjolazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
  9. POLITIKA TA’ KANĊELLAZZJONI
    1. Klijent li jabbona għal xi wieħed mis-Servizzi ta’ Melita (eskluż is-servizz’ tat-telefonija mobbli u s-servizz tad-data mobbli ta’ Melita) huwa intitolat, fi żmien erbatax-il (14) ġurnata mid-data ta’ dan il-Ftehim, li jikkanċella dan il-Ftehim mingħajr ma jinkorri spejjeż addizzjonali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni. Din il-kanċellazzjoni ssir billi l-Klijent jagħti Avviż bil-miktub ta’ Kanċellazzjoni, fejn jesprimi l-intenzjoni tiegħu/tagħha li jikk/tikkanċella l-Ftehim.
    2. Avviż ta’ Kanċellazzjoni jingħata kif suppost jekk il-Klijent:
      1. iħalli avviż bil-miktub iffirmat indirizzat lil Melita fl-indirizz tagħna, f’liema każ id-data ta’ notifika tiġi meqjusa d-data tal-kunsinna; jew
      2. jibgħat bil-posta l-avviż bil-miktub iffirmat lil Melita fl-indirizz, Gasan Centre, Triq il-Merghat, Zone 1, Central Business District, Birkirkara, CBD 1020, f’liema każ id-data ta’ notifika tiġi meqjusa d-data ta’ meta ġiet impostata.

      Huwa rakkomandat illi l-Klijent iżomm kopja tal-Avviż ta’ Kanċellazzjoni u meta l-avviż jintbagħat bil-posta, dan għandu jintbagħat permezz ta’ ittra rreġistrata.

    3. Jekk dan il-Ftehim jiġi kanċellat b’mod konformi ma’ din il-Klawsola 9, jiġi kkunsidrat bħala Ftehim itterminat u l-klawsoli relattivi ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw. L-ispejjeż u t-tariffi għas-Servizzi u l-użu tas-Servizz/i jsiru legalment dovuti u għandhom jitħallsu sad-data ta’ kanċellazzjoni. Ħlasijiet tal-Installazzjoni ma humiex rimborsabbli.
    4. Klijent li jabbona għas-servizz tat-telefonija mobbli u/jew s-servizz tad-data mobbli tal-Melita li rċieva handset/apparat, jirrikonoxxi u jaqbel li f’każ ta’ kanċellament tas-Servizz jirinunzja għad-dritt ta’ kanċellament tal-bejgħ tal- handset/apparat f’każ ta’ użu.
    5. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Klawsola 9 huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Att Dwar l-Affarijiet Tal-Konsumatur (Kapitolu 378 tal-Liġijiet ta’ Malta) u r-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (L.S.378.17 tal-Liġijiet ta’ Malta).
  10. TERMINU U TERMINAZZJONI
    1. 10.1. Jekk ma jiġix ikkanċellat skont it-termini ta’ Klawsola 9 aktar ‘il fuq, dan il-Ftehim tat-tip ‘month-on-month’ jibqa’ validu mid-data tal-ewwel ċiklu ta’ kontijiet li jintbagħtu kull xahar sakemm ma jiġix itterminat minnek skont il-proċess imsemmi fil-Klawsola 10.2 jew min-naħa tagħna għal waħda mir-raġunijiet imsemmija f’dan il-Ftehim.
    2. 10.2. Il-Klijenti li għandhom Ftehim tat-tip ‘month-on-month’ u li jixtiequ jitterminaw il-Ftehim għandhom jagħtuna notifika ta’ 30 ġurnata: (a) bil-miktub flimkien ma’ kopja tal-Karta tal-Identità tagħhom; (b) billi jidħlu fil-kont tal-MyMelita tagħhom; (ċ) billi jżuru wieħed mill-ħwienet tal-Melita; jew (d) billi jikkuntattjaw il-Customer Care. It-terminazzjoni tkun effettiva ma’ tmiem il-perjodu ta’ notifika. Inti tkun obbligat tħallas lil Melita kull ammont dovut fuq il-Kont tiegħek. F’dawk il-każijiet fejn aħna nindunaw li kien hemm xi ammonti dovuti wara d-data ta’ terminazzjoni, inti tkun obbligat tħallas il-kontijiet kollha li jinħarġu wara d-data ta’ terminazzjoni. Fil-każ ta’ servizz tat-telefonija mobbli, il-Klijent ikun obbligat li jħallas l-ispejjeż kollha jekk ikun hemm indikati fit-termini u kundizzjonijiet speċifiċi relatati mat-tariffa, li fil-każ ta’ handset/apparat sussidjat jinkludi l-prezz fis-suq tal-handset/apparat.
    3. Fl-aħħar tal-perjodu ta’ tletin (30) ġurnata għan-notifika tat-terminazzjoni, is-Servizzi jiġu diskonnetti. Sussegwenti għal dan, inti għandek perjodu ieħor ta’ tletin (30) ġurnata li fihom inti għandek tirritorna it-Tagħmir kollu pprovdut lilek lill-Melita Limited, Triq il-Merghat, Zone 1, Central Business District, Birkirkara, CBD1020, jew fi kwalunkwe indirizz ieħor indikat mill-Melita. Jekk it-Tagħmir ma jingħatax lura jew ikollu l-ħsara, Melita jkollha d-dritt li tapplika l-ispejjeż rilevanti kif speċifikat fl-Iskeda tal-Ispejjeż. Fil-każ fejn titlob li t-Tagħmir jiġi miġbur, dan is-servizz ikun soġġett għal Spejjeż relatati mal-Ġbir tat-Tagħmir (Collection of Equipment Charge) kif speċifikat fl-Iskeda tal-Ispejjeż. Inti obligat tħallas l-ispejjeż kollha elenkati fil-Kont tiegħek, sad-data tat-terminazzjoni jew diskonnessjoni tas-servizz.
    4. Mingħajr preġudizzju għall-Klawsola 10 u l-klawsoli l-oħra f’dan il-Ftehim, dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat minnufih u mingħajr avviż minn Melita, jekk: (a) inti ssir insolventi, fallut, jew tidħol fi kwalunkwe arranġjament mal-kredituri tiegħek jew jekk xi azzjoni legali tittieħed jew tiġi mhedda kontra l-proprjetà tiegħek; (b) int jew xi persuna oħra fil-Fond ta’ Installazzjoni tiegħek wettaqtu jew tistgħu tkunu qed twettqu, xi frodi kontra tagħna jew kontra xi persuna jew organizzazzjoni oħra billi tuża s-Servizzi jew it-Tagħmir; (ċ) inti ksirt dan il-Ftehim u ma rrimedjajtx tali ksur fi żmien 7 t’ijiem min-notifika tagħna tal-ksur; (d) aħna għandna raġuni biex nemmnu li tajtna tagħrif u informazzjoni falza, mhux korretta jew qarrieqa jew għall-iskop ta’ ksib tas-Servizzi u/jew it-Tagħmir (e) il-provvista tas-Servizz lill-Klijent tista’ tagħti lok għal jew tikkawża tfixkil fis-Servizzi offruti minn Melita lill-Klijenti l-oħra tagħha; (f) l-awtorizzazzjoni tagħna biex noffru servizz bħala operaturi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi tiġi tterminata jew sospiża għal kwalunkwe raġuni; jew (ġ) aħna niġu mitluba li nkunu konformi ma’ ordni, talba jew deċiżjoni minn kwalunkwe awtorità governattiva jew regolatorja.
    5. Kull Klijent li kellu l-Ftehim itterminat jew diskonness u li jixtieq jerġa jattiva s-Servizzi tiegħu jkollu jħallas l-ammonti kollha dovuti f’ismu kif ukoll spejjeż ta’ rikonnessjoni (Reconnection Charge) kif stipulat fl-Iskeda ta’ Spejjeż.
    6. It-terminazzjoni tal-Ftehim tiegħek magħna m’għandux inaqqas id-drittijiet tagħna jew rimedji tagħna fil-liġi biex nirkupraw mingħandek djun pendenti jew danni u m’għandux jaffettwa l-ebda dritt personali tiegħek li kellek qabel it-terminazzjoni. Kull terminu taħt dan il-Ftehim li għandu japplika wara t-terminazzjoni jibqa’ japplika.
    7. Kull vjolazzjoni ta’ dan il-Ftehim minn naħa tagħna tagħtik id-dritt li tittermina l-Ftehim mingħajr ma tħallas spejjeż addizzjonali. Madankollu, aħna għandna ningħataw perjodu ta’ rettifika ta’ mhux inqas minn 15-il ġurnata sabiex nirrettifikaw il-pożizzjoni tagħna, liema 15-il ġurnata għandhom jibdew jiddekorru mid-data li inti tibgħatilna avviż iffirmat bil-miktub, fejn tispeċifika n-natura tal-vjolazzjoni.
    8. Klijenti li għandhom Ftehim tat-tip ‘month-on-month’ u li jixtiequ jissospendu s-Servizz/i għandhom jikkuntattjawna permezz ta’ myMelita fejn jinfurmawna meta jixtiequ li jissospendu s-Servizz/i. Mas-sospensjoni volontarja inti obbligat li tħallas lill-Melita l-ammont kollu dovut fuq il-Kont tiegħek, inkluż l-ammont dovut sal-aħħar ta’ dak ix-xahar kurrenti, flimkien mal-Monthly Voluntary Suspension Charge, kif stipulate fl-Iskeda tal-Ispejjeż.
  11. LIMITAZZJONI TAR-RESPONSABBILTÀ
    1. Salv għal kif ġie stabbilit f’dan il-Ftehim iżda mingħajr preġudizzju għall-ġeneralità ta’ dak li ntqal, inti għandek iżżomm lil Melita, l-impjegati, l-aġenti tagħha jew il-kuntratturi tagħha, mingħajr ebda ħtija u ma tippretendix indennizz mingħand Melita għal: (a) kwalunkwe telf, responsabbiltà u/jew kull ħsara fiżika diretta li ssir fuq il-proprjetà tiegħek sakemm mhux ikkawżata min negliġenza tagħna jew in-negliġenza tal-impjegati tagħna, l-aġenti jew il-kuntratturi waqt li jaġixxu fil-kors tal-impjieg tagħhom u li tiġi notifikata lill-Melita fi żmien sebat (7) ijiem mid-data minn meta sseħħ; (b) danni diretti/indiretti jew konsegwenzjali; (ċ) telf ta’ qliegħ, negozju jew dħul; (d) dewmien fl-aċċess jew interruzzjonijiet; (e) telf jew responsabbiltà li jirriżultaw minn xi żbalji, ommissjonijiet, jew dikjarazzjonijiet żbaljati f’xi parti jew l-informazzjoni kollha, oġġetti, jew servizzi miksuba fuq jew permezz tas-Servizzi; (f) kull żball jew ommissjoni tal-Klijent (g) kull telf ta’ Servizz u/jew ħsara kkawżata lit-Tagħmir tagħna jew lit-Tagħmir tal-Klijent li jirriżultaw minn qtugħ ta’ enerġija u/jew atti tan-natura.
    2. Mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-responsabbiltà totali ta’ Melita (jekk ikun il-każ) li tirriżulta minn dan il-Ftehim, fi kwalunkwe sena waħda, ma għandha fl-ebda ċirkostanza taqbeż is-somma totali ta’ ħlasijiet mħallsa minnek għas-Servizz/i dik is-sena.
  12. MIXXELLANJI
    1. Aħna nistgħu nittrasferixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħna taħt dan il-Ftehim billi ninnotifikawk. Inti ma tistax tittrasferixxi d-drittijiet jew l-obbligi tiegħek taħt dan il-Ftehim.
    2. Dan il-Ftehim fih il-Ftehim kollu bejnek u bejna u kwalunkwe ftehim preċedenti fir-rigward tas-Servizzi li għandhom jiġu pprovduti skont dan il-Ftehim min issa l-quddiem jiġu revokati b’dan il-Ftehim. Xejn li ntqal lilek minna jew f’isimna jifforma parti minn dan il-Ftehim. Jekk għal xi raġuni xi klawsola ta’ dan il-Ftehim ma tistax tiġi inforzata jew invokata, il-klawsoli kollha l-oħra ta’ dan il-Ftehim għandhom jibqgħu validi u vinkolanti.
    3. L-intestaturi għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jservu għall-faċilità ta’ referenza biss u ma għandhomx jaffettwaw l-interpretazzjoni jew il-kostruzzjoni tiegħu.
    4. In-nuqqas ta’ kull parti biex tinsisti fuq prestazzjoni ristretta ta’ xi dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim, jew li teżerċita kwalunkwe dritt jew rimedju li hija intitolata għalih taħt jew b’konnessjoni ma’ dan il-Ftehim, m’għandux jikkostitwixxi rinunzja tiegħu, u kull rinunzja għal xi dritt ma għandiex tikkostitwixxi rinunzja ta’ xi dritt sussegwenti.
    5. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tinsab f’dan il-Ftehim, xi avviżi li aħna jew inti nagħtu lil xulxin għandhom ikunu bil-miktub u għandhom jiġu kkonsenjati bl-idejn, mibgħuta bil-faks, bl-e-mail jew posta ordinarja fl-indirizz tiegħek fejn inti rreġistrat jew lilna f’ Gasan Centre, Triq il-Merghat, Zone 1, Central Business District, Birkirkara, CBD1020. Inti titqies li tkun irċevejt kull avviż bil-miktub mibgħut lilek mingħandna l-ġurnata tax-xogħol ta’ wara li jkun ġie mibgħut.
    6. Melita ma tistax taċċetta responsabbilità għal offerti relatati mal-provvista ta’ Servizz li ssir fi kwalunkwe post ieħor li mhix il-websajt tagħha, riklami jew pubblikazzjonijiet jew għal kwalunkwe wegħdiet, rappreżentazzjonijiet, eżenjonijiet, trattament favorevoli jew varjazzjonijiet proposti ta’ dawn it-Termini sakemm dawn ma jiġux ikkonfermati bil-miktub minn rappreżentant awtorizzat tal-Melita.
    7. Dan il-Ftehim għandu jkun regolat, miftiehem u interpretat skont il-Liġijiet tar-Repubblika ta’ Malta. Il-partijiet jissottomettu ruħhom għall-ġurisdizzjoni tal-Qrati ta’ Malta.
  13. AĊĊESS GĦAS-SERVIZZI TA’ EMERĠENZA
    1. Il-Klijenti li jixtiequ jsejħu lis-Servizzi ta’ Emerġenza jistgħu jċemplu numru ta’ kodiċi qasir kif jista’ jkun applikabbli minn żmien għal żmien. Bħalissa n-numru huwa 112. Melita tiddikjara u l-Klijent jirrikonoxxi li t-Tagħmir jiddependi fuq l-elettriku għall-prestazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, fil-każ ta’ qtugħ ta’ enerġija, is-Servizz (inkluż l-aċċess għal servizzi ta ‘emerġenza) mhux se jkun disponibbli. Is-servizzi ta’ emerġenza jistgħu jintraċċaw l-post minn fejn inti tkun qiegħed iċċempel u jistgħu jagħtu tali informazzjoni lil awtoritajiet oħrajn f’każ ta’ bżonn.
  14. SKEDA TAL-ISPEJJEŻ
    1. Is-segwenti hija l-Iskeda tal-Ispejjeż u Tariffi, inkluż fejn applikabbli termini u kundizzjonijiet applikabbli għal tariffi partikolari:

      SKEDA TAL-ISPEJJEŻ

      Month-On-Month Installation Charge €75 Change of Equipment Charge €15
      Installation/Removal Of Additional Television Outlet Charge €45 Collection Of Equipment Charge €45
      Relocation of Outlet Charge €45 Lost, Stolen Or Damaged Digibox/CAM Charge €50
      Service Transfer Charge €60 Lost, Stolen Or Damaged ADB/Hybrid STB Charge €100
      Disconnection Charge €45 Lost, Stolen Or Damaged Remote Charge €10
      Reconnection Charge €45 Lost, Stolen Or Damaged Internet Modem Charge €100
      Late Payment Charge €4 Lost, Stolen or Damaged DOCSIS 3.1 Modem €150
      Monthly Voluntary Suspension Charge €5 Lost, Stolen or Damaged ONT Modem €200
      Monthly Paper Bill Charge €2 Lost, Stolen or Damaged Wi-Fi Extender €100
      Payment Processing Charge €5 Monthly Wi-Fi Modem Charge €2
      Payment and/or Administrative Reversal Charge €12 Wi-Fi Setup Charge €45
      1st Am – Last Pm Appointment Charge €15 PC Setup Charge €45
      Home Visit Charge €45 Monthly Charge For Email Forwarding Service Beyond 12 Months €7
      Issue of eSim or Replacement Charge €10